Unjoni Ewropea tas-Sahha
B’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-Aġenzija SEM qiegħda torganizza diversi laqgħat bit-tema, ‘L-Ewropa li Nixtieq’, sabiex jiġu diskussi numru ta’ suġġetti li se jikkontribwixxu għat-tfassil tal-futur tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.
Dawn il-laqgħat huma intiżi biex ċittadini minn kull qasam tal-ħajja jagħtu l-opinjoni, jaqsmu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar kif jixtiequ li jkun il-futur tal-Unjoni Eworopea f’dawn l-oqsma.
L-għan aħħari ta’ dan l-eżerċizzju huwa li anki f’Malta jkun hawn dibattitu u parteċipazzjoni attiva f’din l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea sabiex nibnu futur tal-Unjoni Ewropea bbażat fuq ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħha.
‘Unjoni Ewropea tas-Saħħa’
Dan huwa s-suġġett tad-diskussjoni li se ssir nhar il-Ħamis, 16 ta’ Settembru bejn il-5pm u s-6.30pm. Il-parteċipazzjoni fid-diskussjoni ssir online fuq il-pjattaforma Zoom u tkun trażmessa wkoll fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ SEM.
Il-pandemija ġegħlitna naħsbu aktar dwar xi rwol nixtiequ li jkollha l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam fil-futur. S’issa, il-qasam tas-saħħa għadu fil-kompetenza tal-Istati Membri, iżda matul dawn l-aħħar xhur rajna diversi inizjattivi tal-Unjoni Ewropea biex ikun hemm aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri bħal xiri konġunt tal-vaċċini, ċertifikat tal-vaċċin komuni u fondi Ewropej sabiex ikun hemm iktar riċerka għall-kura tal-COVID-19. Il-pandemija wrietna l-ħtieġa li naħdmu flimkien biex nibnu sistemi tas-saħħa aktar b’saħħithom u nipproteġu s-saħħa fiżika u mentali fl-Ewropa.
Minkejja dan kollu, is-saħħa mhijiex biss il-COVID-19. Hemm ħafna aktar temi li jolqtu b’mod dirett liċ-ċittadini Ewropej u li wieħed irid jaħseb aktar dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Dawn jinkludu:
- Il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej;
- Id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa;
- It-titjib fil-prevenzjoni, it-trattament u l-kura segwenti għal mard transfruntier bħall-kanċer;
- Tagħmir aħjar tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri biex jipprevjenu u jindirizzaw aħjar il-pandemiji futuri;
- It-tisħiħ tal-kordinazzjoni fil-livell tal-UE meta jiġi ffaċċjat theddid transfruntier għas-saħħa.
Il-laqgħa, li se titmexxa mill-ġurnalist ta’ TVM, Mario Xuereb, use tikkonsisti f’interventi minn numru ta’ persuni involuti f’diversi setturi tal-qasam tas-saħħa f’pajjiżna u f’interventi minn dawk li jissieħbu onlajn.
Biex tirreġistra għall-parteċipazzjoni onlajn permezz tal-pjattaforma Zoom, ibgħat email lil info.sem@gov.mt billi tindika jekk tirrappreżentax xi organizzazzjoni jew bħala individwu.
Leave a Reply